Kapitolu III Taqsima 2 Artikolu 14
Artikolu 14 · Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data
Verżjoni konsolidata tal-4 ta’ Mejju 2016: it-test bil-korrezzjonijiet inkorporati. Il-verżjonijiet kollha · It-test oriġinali fir-Reader
Parti minn: Trasparenza u informazzjoni
Fil-qosorSommarju ta' Eureka
Fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni elenkata fil-paragrafi 1 u 2, inklużi l-kategoriji ta’ data personali kkonċernata u s-sors tagħha:
- f’perjodu raġonevoli u mhux aktar tard minn xahar; jew
- fil-każijiet tal-paragrafu 3(b) u (c), mhux aktar tard mill-ewwel komunikazzjoni mas-suġġett tad-data jew mill-ewwel żvelar lil riċevitur ieħor.
Dan ma japplikax fejn u safejn:
- is-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni;
- il-provvista tal-informazzjoni tkun impossibbli jew tinvolvi sforz sproporzjonat;
- il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tistabbilixxi espressament il-kisba jew l-iżvelar b’miżuri protettivi; jew
- is-segretezza professjonali teħtieġ il-kunfidenzjalità.
It-test tal-Artikolu 14verżjoni konsolidata tal-4 ta’ Mejju 2016
Artikolu 14
Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn id-data personali ma tkunx inkisbet mis-suġġett tad-data
Fejn ma tkunx inkisbet data personali mis-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja:
l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur;
id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli;
l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;
il-kategoriji ta' data personali inkwistjoni;
ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu;
fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lil riċevitur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta' deċiżjoni ta' adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta' trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi biex tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli;
Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni li ġejja li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat pproċessar ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data:
il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;
fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza;
l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data u li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data;
fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta' kunsens qabel l-irtirar tiegħu;
id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;
minn liema sors toriġina d-data personali, u fejn applikabbli jekk oriġinatx minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku;
l-eżistenza ta' teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta' profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f'dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta' tali pproċessar għas-suġġett tad-data.
Il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2:
fi żmien perijodu ta' żmien raġonevoli wara l-kisba tad-data personali, iżda mhux aktar tard minn xahar, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom tiġi pproċessata d-data personali;
jekk id-data personali għandha tintuża għal komunikazzjoni mas-suġġett tad-data, sa mhux aktar tard mill-mument tal-ewwel komunikazzjoni lil dak is-suġġett tad-data; jew
jekk ikun previst żvelar lil riċevitur ieħor, mhux aktar tard minn meta d-data personali tkun ġiet żvelata l-ewwel darba.
Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn:
is-suġġett tad-data diġà għandu l-informazzjoni;
il-provvista ta' tali informazzjoni tkun impossibbli li sseħħ jew tkun teħtieġ sforz sproporzjonat; b'mod partikolari għall-ipproċessar għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika soġġett għall-kundizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 89(1) jew sa fejn l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkun ser jagħmilha impossibbli jew ixekkel serjament il-kisba tal-objettivi ta' dak l-ipproċessar. F'tali każijiet il-kontrollur għandu jieħu l-miżuri xierqa biex jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, inkluż li jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku;
il-kisba jew l-iżvelar hu espressament stabbilit mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li għaliha hu soġġett il-kontrollur u li tipprevedi miżuri adatti għall-protezzjoni tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data; jew
fejn id-data personali jkollha tibqa' kunfidenzjali soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali regolata mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, inkluż l-obbligu statutorju ta' segretezza.
Premessi li jispjegaw dan l-Artikolu
- Premessa 60 Il-prinċipji ta' pproċessar ġust u trasparenti jeħtieġu li s-suġġett tad-data jkun informat bl-eżistenza…
- Premessa 61 L-informazzjoni fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali relatata mas-suġġett tad-data għandha…
- Premessa 62 Madankollu, mhuwiex meħtieġ li l-obbligu li tiġi provduta informazzjoni jiġi impost fejn is-suġġett tad-data…
Termini definiti f’dan l-att li jintużaw hawn
data personali
“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal mezz ta' identifikazzjoni bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data ta' lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;
Article 4, point (1)
suġġett tad-data
“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal mezz ta' identifikazzjoni bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data ta' lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;
Article 4, point (1)
ipproċessar
“ipproċessar” tfisser kwalunkwe attività jew sett ta' attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta' data personali, sew jekk b'mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;
Article 4, point (2)
restrizzjoni tal-ipproċessar
“restrizzjoni tal-ipproċessar” tfisser l-immarkar ta' data personali maħżuna bil-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-ġejjieni;
Article 4, point (3)
tfassil tal-profil
“tfassil tal-profil” tfisser kwalunkwe forma ta' pproċessar awtomatizzat ta' data personali li jikkonsisti fl-użu ta' data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma' persuna fiżika, b'mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta' dik il-persuna fiżika;
Article 4, point (4)
kontrollur
“kontrollur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma' oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta' data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru;
Article 4, point (7)
riċevitur
“riċevitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirċievu data personali fil-qafas ta' inkjesta partikolari f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru m'għandhomx jitqiesu bħala riċevituri; l-ipproċessar ta' dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f'konformità mar-regoli ta' protezzjoni tad-data applikabbli skont il-finijiet tal-ipproċessar;
Article 4, point (9)
parti terza
“parti terza” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp għajr is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuni li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data personali;
Article 4, point (10)
kunsens
“kunsens” tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b'mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta' dikjarazzjoni jew permezz ta' azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta' data personali relatata miegħu;
Article 4, point (11)
rappreżentant
“rappreżentant” tfisser persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li, maħtura bil-miktub mill-kontrollur jew mill-proċessur skont l-Artikolu 27, tirrappreżenta l-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-obbligi rispettivi skont dan ir-Regolament;
Article 4, point (17)
awtorità superviżorja
“awtorità superviżorja” tfisser awtorità pubblika indipendenti li tiġi stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 51;
Article 4, point (21)
organizzazzjoni internazzjonali
“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni u l-korpi subordinati tagħha rregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku jew kwalunkwe korp ieħor li jiġi stabbilit bi ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar, jew abbażi tiegħu.
Article 4, point (26)