Kapitolu IV Taqsima 2 Artikolu 32
Artikolu 32 · Sigurtà tal-ipproċessar
Verżjoni konsolidata tal-4 ta’ Mejju 2016: it-test bil-korrezzjonijiet inkorporati. Il-verżjonijiet kollha · It-test oriġinali fir-Reader
Parti minn: Sigurtà u ksur ta’ data personali
Fil-qosorSommarju ta' Eureka
Il-kontrollur u l-proċessur għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju, filwaqt li jqisu l-ogħla livell ta’ żvilupp, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni, in-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar u r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi.
Dawn jinkludu, fost l-oħrajn u kif xieraq:
- il-psewdonimizzazzjoni u l-kriptaġġ;
- il-ħila li jiġu żgurati l-kunfidenzjalità, l-integrità, id-disponibbiltà u r-reżiljenza fuq bażi kontinwa;
- il-ħila li jiġi restawrat l-aċċess għad-data personali wara inċident; u
- l-ittestjar regolari tal-miżuri.
It-test tal-Artikolu 32verżjoni konsolidata tal-4 ta’ Mejju 2016
Artikolu 32
Sigurtà tal-ipproċessar
Filwaqt li jikkunsidraw l-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u in-natura, l-ambitu, il-kuntest, u l-għanijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskju ta' probabbiltà u gravità li jvarjaw għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, biex jiżguraw livell ta' sigurtà xieraq għar-riskju, inklużi inter alia kif xieraq:
il-psewdonimizzazzjoni u l-kriptaġġ tad-data personali;
il-kapaċità li jiġu żgurati l-kunfidenzjalità, l-integrità, id-disponibbiltà u r-reżiljenza kontinwi tas-sistemi u s-servizzi ta' pproċessar;
il-kapaċità li jiġu restawrati d-disponibbiltà u l-aċċess għad-data personali fil-pront fil-każ ta' inċident fiżiku jew tekniku;
proċess sabiex tiġi ttestjata, ivvalutata u evalwata l-effettività tal-miżuri tekniċi u organizzattivi li jiżguraw is-sigurtà tal-ipproċessar.
Premessi li jispjegaw dan l-Artikolu
- Premessa 83 Sabiex iżomm is-sigurtà u jipprevjeni l-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament, il-kontrollur jew…
Termini definiti f’dan l-att li jintużaw hawn
data personali
“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal mezz ta' identifikazzjoni bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data ta' lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;
Article 4, point (1)
ipproċessar
“ipproċessar” tfisser kwalunkwe attività jew sett ta' attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta' data personali, sew jekk b'mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;
Article 4, point (2)
psewdonimizzazzjoni
“psewdonimizzazzjoni” tfisser l-ipproċessar ta' data personali b'tali mod li d-data personali ma tkunx tista' tibqa' tiġi attribwita għal suġġett tad-data speċifiku mingħajr l-użu ta' informazzjoni addizzjonali, dment li tali informazzjoni addizzjonali tinżamm separatament u tkun soġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix attribwita għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;
Article 4, point (5)
kontrollur
“kontrollur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma' oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta' data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru;
Article 4, point (7)
proċessur
“proċessur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f'isem il-kontrollur;
Article 4, point (8)