F’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn awtorità superviżorja kkonċernata tqis li hemm ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni biex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, hija tista’, b’deroga mill-Artikoli 60 u 63 sa 65, tadotta immedjatament miżuri provviżorji b’effetti legali fit-territorju tagħha stess, validi għal mhux aktar minn tliet xhur.
Hija għandha tikkomunikahom, flimkien mar-raġunijiet, lill-awtoritajiet l-oħra kkonċernati, lill-Bord u lill-Kummissjoni.
Fejn ikunu meħtieġa b’mod urġenti miżuri finali, hija tista’ titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord; kwalunkwe awtorità superviżorja tista’ tagħmel dan fejn awtorità kompetenti ma tkunx ħadet miżura xierqa minkejja ħtieġa urġenti li tittieħed azzjoni. Il-Bord jadottahom fi żmien ġimagħtejn b’maġġoranza sempliċi.
Permezz tal-mekkaniżmu ta’ konsistenza, il-Bord jagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta’ miżuri elenkati u jsolvi t-tilwim bejn l-awtoritajiet superviżorji permezz ta’ deċiżjonijiet vinkolanti; f’każijiet urġenti awtorità tista’ taġixxi provviżorjament.
It-test tal-Artikolu 66 · verżjoni konsolidata tal-4 ta’ Mejju 2016
Artikolu 66
Proċedura ta' urġenza
1.
F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn awtorità superviżorja kkonċernata tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, hija tista', b'deroga mill-mekkaniżmu ta' konsistenza msemmi fl-Artikoli 63, 64 u 65a jew il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60, tadotta minnufih miżuri proviżorji maħsuba biex jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess b'perijodu speċifikat ta' validità li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-awtorità superviżorja għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika dawk il-miżuri u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra, lill-Bord u lill-Kummissjoni.
2.
Fejn awtorità superviżorja tkun ħadet miżura skont il-paragrafu 1 u tqis li miżuri finali jinħtieġu jiġu adottati b'mod urġenti, hija tista' titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord, billi tagħti r-raġunijiet għat-talba ta' tali opinjoni jew deċiżjoni.
3.
Kwalunkwe awtorità superviżorja tista' titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti, skont kif ikun il-każ, mill-Bord fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx ħadet miżura xierqa f'sitwazzjoni fejn ikun hemm ħtieġa urġenti ta' azzjoni, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għat-talba ta' tali opinjoni jew deċiżjoni, inkluż għall-ħtieġa urġenti ta' azzjoni.
4.
B'deroga mill-Artikolu 64(3) u l-Artikolu 65(2), opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi adottata fi żmien ġimagħtejn permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord.
Premessi li jispjegaw dan l-Artikolu
Premessa 137Jista' jkun hemm ħtieġa urġenti ta' azzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti…
“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal mezz ta' identifikazzjoni bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data ta' lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;
“awtorità superviżorja kkonċernata” tfisser awtorità superviżorja li tkun ikkonċernata bl-ipproċessar ta' data personali peress li:
(a) il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru ta' dik l-awtorità superviżorja;
(b) is-suġġetti tad-data li jgħixu fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità superviżorja jiġu affettwati sostanzjalment jew x'aktarx li jkunu ser jiġu affettwati sostanzjalment mill-ipproċessar; jew
(c) ikun tressaq ilment quddiem dik l-awtorità superviżorja;